Missjoni
F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 (8) tad-Deċiżjoni tal-NĠE, is-Segretarjat tal-NĠE huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.
Skont l-Artikolu 25a (b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠIA tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-ħsieb li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/658/ĠIA tas-16 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust (minn hawn ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-NĠE”), is-Segretarjat tal-NĠE jifforma parti mill-persunal tal-Eurojust, iżda jiffunzjona bħala unità separata. Huwa jgawdi minn awtonomija, kif iddikjarat fil-paragrafu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/426/ĠIA tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust. Bħala l-korp amminsitrattiv tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, li jipprovdi lill-NĠE bl-esperjenza professjonali neċessarja, storja u kontinwità, il-kompiti tas-Segretarjat tal-NĠE f’termini prattiċi inter alia jinkludu:
- li jiżgura l-ammistrazzjoni xierqa tal-NĠE, bl-għan li jippermetti lill-Punti ta’ Kuntatt tal-NĠE jwettqu l-kompiti tagħhom u jżommu l-identità tal-NĠE;
- l-istabbiliment, il-manutenzjoni u t-titjib tas-sistema ta’ informazzjoni/sit web tal-NĠE;
- l-abbozzar ta’ dokumenti relatati ma’ attivitajiet tal-NĠE (inkluż rapporti msemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-NĠE);
- li jżomm rendikont ġenerali aġġornat tal-proġetti u tad-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan l-NĠE;
- li jipprovdi appoġġ lill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-laqgħat;
- il-qsim ta’ informazzjoni fuq l-isfidi, il-kisbiet, id-diffikultajiet u kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ interess ġenerali għall-NĠE mal-punti ta’ kuntatt tal-NĠE fuq bażi ta’ konsultazzjoni permanenti (eż. permezz ta’ newsletter);
- il-preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ pjanijiet ta’ Azzjoni għal proġetti ġodda jew li jkunu għaddejjin tal-NĠE wara konsultazzjoni mal-korrespondenti nazzjonali;
- l-istabbiliment jew iż-żamma ta’ relazzjonijiet ma’ korpi jew ma’ strutturi oħrajn fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ġewwa u barra mill-UE; u
- il-promozzjoni tal-NĠE, inkluża l-preżentazzjoni tal-NĠE f’laqgħat, f’konferenzi u f’avvenimenti oħrajn organizzati kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE minn imsieħba f’pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali.
Viżjoni
Is-Segretarjat tal-NĠE għandu jkollu l-identità tiegħu stess, biex ikun jista’ mhux biss jirrappreżenta lill-NĠE f’konsultazzjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill u biex iwettaq il-kompiti skont id-Deċiżjoni tal-NĠE, iżda wkoll biex ikun tim viżjonarju, biex jidentifika oqsma ġodda fejn l-NĠE jista’ jkun involut fihom jew iffukat fuqhom, u b’hekk jieħu vantaġġ mill-pożizzjoni strateġika tiegħu u jittrażmetti lill-korrespondenti nazzjonali informazzjoni aġġornata dwar dak li jkun għaddej fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, is-Segretarjat tal-NĠE jrid ikun mgħammar bil-mezzi kollha neċessarji sabiex iwettaq il-kompiti importanti tiegħu, li jinkludu riżorsi umani, finanzjarji u riżorsi materjali oħra.
EJN Secretariat
Johan de Wittlaan 9
2517 JR The Hague
The Netherlands
Fax: +31 (0) 70 412 5570