L-NĠE


In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għall-materji kriminali (NĠE) huwa newerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. L-NĠE nħoloq mill-Azzjoni Konġunta 98/428 ĠAI tad-29 ta’ Ġunju 1998 biex iwettaq ir-rakkomandazzjoni Nru 21 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata adottata mill-Kunsill fit-28 ta’ April 1997.

F’Diċembru 2008, daħlet fis-seħħ bażi legali ġdida, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 fuq in-Netwerk Ġudizzarju Ewropew (minn hawn ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-NĠE”) li saħħet l-istatus legali tal-NĠE, filwaqt li żammet l-ispirtu tal-1998.

L-NĠE huwa magħmul minn Punti ta’ Kuntatt fl-Istati Membri maħtura minn kull Stat Membru fost l-awtoritajiet ċentrali responsabbli għall-kooperazzjoni internazzjonali ġudizzjarja u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħrajn b’responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali ġudizzjarja.

L-irwol prinċipali tal-Punti ta’ Kuntatt tal-NĠE, definiti mid-Deċiżjoni tal-NĠE bħala “intermedjarji attivi”, huwa li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari f’azzjonijiet li jikkumbattu forom ta’ kriminalità serja. Għal dan il-għan, huma jassistu fl-istabbiliment ta’ kuntatti diretti bejn awtoritajiet kompetenti u billi jipprovdu l-informazzjoni legali u prattika neċessarja biex jippreparaw talba effettiva għall-kooperazzjoni ġudizzjarja jew biex itejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja b’mod ġenerali.

Barra minn hekk, il-Punti ta’ Kuntatt tal-NĠE huma involuti u jippromovu l-organizazzjoni tas-sessjonijiet tat-taħriġ fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Fost il-Punti ta’ Kuntatt tal-NĠE, kull Stat Membru għandu Korrispondent Nazzjonali maħtur, li għandu rwol ta’ koordinazzjoni. F’kull Stat Membru hemm ukoll Korrispondent Tekniku li jiżgura li l-informazzjoni ta’ fuq is-sit web tal-NĠE tkun ipprovduta u aġġornata, inkluż l-għodod elettroniċi tal-NĠE.

L-NĠE għandu Segretarjat li jinsab fil-Eurojust ġewwa The Hague, li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-NĠE. Is-Segretarjat tal-NĠE jiżgura l-funzjonament u l-kontinwità tan-netwerk.

  • ® 2020 EJN. All Rights Reserved